KANDIDATI 2026

Janice Abela Chetcuti

Abela Chetcuti, Janice

L-Avukat Janice Abela Chetcuti hija persuna li tempatizza ħafna u dejjem kellha għal qalbha li tkun il-vuċi ta' min vuċi ma għandux, u dan kien dak li verament imbuttaha biex tidħol fil-politika. Għandha żewġt itfal – Sky ta' 17-il sena u Reef ta' 12 – it-tnejn li huma jħobbu ħafna l-isport bħalha. Fid-dar, fil-fatt, l-isport u n-nutrizzjoni tajba huma xi ħaġa ta' kuljum. Janice għandha ferm għal qalbha l-annimali u l-ħarsien tagħhom. Qabel ma daħlet fil-politika kienet attivista li minn dejjem ħadmet ħafna għall-annimali u biex ikunu rispettati kif jixirqilhom. Dan għamiltu anke waqt li kienet għalliema fl-Iskola Primarja ta' Ħal Luqa fejn kienet saret l-ewwel pet week ‘il fuq minn 20 sena ilu meta l-annimali f'Malta kienu għadhom jiġu ttrattati ferm differenti minn kif nittrattawhom illum. Wara, serviet bħala Manager fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali proprju fl-ewwel sentejn wara li dan kien ġie mwaqqaf, u 18-il sena ilu, kienet ikkontribwiet għall-ftuħ tal-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali – li llum sfortunatament ilu ‘l fuq minn 30 xahar magħluq. Kien proprju dawn ir-rwol li ispiraha biex tistudja l-liġi u laħqet avukat biex tara kif setgħet tapplika l-liġi Maltija kontra l-moħqrija tal-annimali. F'dawn l-aħħar erba’ snin serviet fil-Parlament fejn bi mħabba u passjoni kbira tkellmet, iddjalogat u ppruvat iddaħħal kontinwament emendi favur l-annimali biex l-annimali u dawk li jħobbuhom ikollhom il-vuċi u r-rispett li jixirqilhom. Fost dawn ir-rwoli kollha, dak favorit tagħha jibqa’ dejjem li tkun omm uliedha li tant tħobb u kulma tagħmel tibqa’ tagħmlu biex tagħmilhom kburin li hi ommhom.

Distrett/i: 3 u 10
7944 0568
Andrew Agius

Agius, Andrew

Veterinarju żagħżugħ ta’ 37 sena, miżżewweġ u missier ta’ żewġt itfal. Iben it-tabib Francis Agius, eks Membru Parlamentari u eks Segretarju Parlamentari. Trabba fil-politika u wiret sens qawwi ta’ servizz lejn il-komunità. Jixtieq jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida fil-politika Maltija — waħda li tgħaqqad perspettiva friska ma’ bażi soda ta’ esperjenza. Fix-xogħol tiegħu bena rabta mill-qrib mal-komunità u r-realtajiet tagħha. Tul il-karriera tiegħu, kien attiv f’diversi kumitati u fora, fosthom bħala President tal-Assoċjazzjoni Veterinarja Maltija, fejn ħadem biex jirrappreżenta l-professjoni tiegħu. Daħal fil-politika b’konvinzjoni ċara: li jaħdem biex nerġgħu nsaħħu prinċipji ta’ politika tassew min-nies u għan-nies. L-għan tiegħu huwa li jgħin biex nibnu Malta fejn kulħadd jista’ jsib bilanċ bejn ix-xogħol u s-serħan. Fejn il-kejl tas-suċċess tal-pajjiż ikun il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin l-ewwel u qabel kull kalkolu ieħor. Fejn tinbena mill-ġdid il-fiduċja fi klassi politika onesta li taħdem għaċ-ċittadin Malti u Għawdxi. Bħala veterinarju, jixtieq jara li l-annimali tagħna verament jingħataw vuċi u li jerġgħu jsiru ċ-ċentru tal-politika fil-qasam tagħhom. Li nqisu l-protezzjoni u l-ħarsien tagħhom bħala l-mutur ewlieni wara l-politika f’dan is-settur.

Distrett/i: 3 u 7
7953 8798
Frederick Aquilina

Aquilina, Frederick

Frederick Aquilina huwa żagħżugħ ta’ 27 sena, mimli enerġija u determinazzjoni biex jara bidla ġenwina f’pajjiżna. Wara li għal dawn l-aħħar kważi seba' snin serva b’impenn bħala Minority Leader fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, kien kandidat għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet u għadu jservi bħala Viċi President tal-MŻPN, b’sens ta’ umiltà u responsabbiltà qed jerġa’ jwieġeb għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista biex għal darba oħra jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq is-Sitt Distrett. Iggradwa mill-Università ta’ Malta f’Baċċellerat fil-Kummerċ, iggradwa wkoll mill-ACCA u għandu Degree fit-Taxxa Maltija u Internazzjonali, waqt li jipprattika l-professjoni ta' accountant speċjalizzat fit-taxxa.

Distrett/i: 6
7944 4998
Joe Aquilina

Aquilina, Joe

Joe Aquilina huwa imprenditur lokali, u għal żmien twil resident tas-Swieqi. Huwa jagħmel parti mit-tielet ġenerazzjoni li tmexxi n-negozju tal-familja tiegħu, li llum isostni aktar minn 100 familja. Fost l-operazzjonijiet tiegħu hemm razzett lokali uniku fis-Swieqi – l-ewwel u l-uniku wieħed li jkabbar u jbigħ il-prodotti tiegħu stess. Joe huwa ggradwat fil-Management u fix-Xjenzi Rurali u Ambjentali, u jemmen fi tkabbir responsabbli u sostenibbli. Lil hinn mix-xogħol, iqatta’ ħinu wkoll jiggwida studenti li qed isegwu studji fin-negozju, billi joffrilhom gwida prattika u inkoraġġiment. Joe huwa marbut ħafna mal-komunità. Huwa sostenitur regolari ta’ organizzazzjonijiet lokali, fejn jikkontribwixxi kemm bil-ħin tiegħu kif ukoll bir-riżorsi tiegħu. L-impenn tiegħu lejn is-servizz pubbliku jidher fil-ħidma tiegħu bħala kunsillier fis-Swieqi u San Ġwann, u bħalissa f’Tas-Sliema, filwaqt li jibqa’ wkoll attiv fi ħdan il-kumitat tas-Swieqi. Huwa miżżewweġ u missier ta' tifla, u fid-dar iżżommu okkupat il-ġeru adorabbli tagħhom tar-razza Shih Tzu. Joe jemmen li għandu jibqa’ qrib in-nies u jagħti lura fejn l-aktar jgħodd.

Distrett/i: 9 u 10
7978 9789
Graziella Attard Previ

Attard Previ, Graziella

Graziella Attard Previ ġiet eletta fil-Parlament f’Marzu tal 2022, fejn ġiet fdata bir-rwol ta’ Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x Xandir Pubbliku, kif ukoll, għal żmien partikolari, għad-Drittijiet tat-Tfal. Matul din il leġiżlatura serviet ukoll bħala membru fil Kumitat Parlamentari tal-Familja. Fil-livell lokali, serviet bħala Sindku ta’ Tas Sliema bejn Diċembru 2021 u April 2022, wara li kienet Viċi Sindku bejn Ġunju 2019 u Diċembru 2021. Qabel dan, kienet kunsilliera fil Gżira bejn Marzu 2015 u Mejju 2019. Fi ħdan il Partit Nazzjonalista, serviet bħala President tal Forum Opportunitajiet Indaqs bejn Ġunju 2014 u Novembru 2020, u aktar tard bħala President tal Moviment Nisa Partit Nazzjonalista bejn Novembru 2020 u April 2022. F’dawn ir-rwoli, ħadmet mill-qrib ma’ stakeholders ewlenin, NGOs u individwi, bil-għan li tissaħħaħ politika bbażata fuq ir-realtajiet u l-esperjenzi tan-nies. Fil ħajja professjonali tagħha, ilha taħdem bħala social worker mill 2003. Għamlet 18 il sena taħdem mat tfal fid Dar Residenzjali ta’ St. Patrick’s, Tas Sliema, u għal dawn l aħħar ħames snin ilha taħdem ma’ persuni b’diżabilità u l familji tagħhom fl Aġenzija Sapport, fejn illum ghandha rwol ta’ Leader. Ispirata mill valuri ta’ Mahatma Gandhi, temmen bis sħiħ fil ġustizzja soċjali u fid dinjità tal bniedem. Għaliha, il politika hija servizz lejn in nies. Il ħidma politika tagħha hi mmexxija minn viżjoni li tpoġġi lin nies fiċ ċentru tad deċiżjonijiet, bil għan li tinbena soċjetà aktar ġusta, inklussiva u b’sens qawwi ta’ solidarjetà, u li ħadd ma jitħalla lura.

Distrett/i: 9 u 10
9946 8483
Charles Azzopardi

Azzopardi, Charles

Imwieled ir-Rabat Malta u ggradwa mill-Università f'Malta, fil-politika barranija u l-lingwa Maltija. Okkupa l-kariga ta' Sindku tar-Rabat fil-perjodu 2003-2004 u 2013-2019 rispettivament. Huwa lettur tal-Malti fl-iskola Post-Sekondarja Giovanni Curmi fin-Naxxar u librar fl-istess skola. Azzopardi huwa l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Patrimonju Nazzjonali u d-Delizzji. Kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fis-sena 2022. Huwa miżżewweġ lil Maria u għandhom tifel, Lincoln. Sa minn ċkunitu b'dedikazzjoni kien jikkollezjona l-muniti, il-bolol, oġġetti ta' Melitensia, arti, skultura, mapep antiki u memorabilia politika fost l-oħrajn.

Distrett/i: 7 u 12
9943 0066
Ivan Bartolo

Bartolo, Ivan

Ivan Bartolo huwa Membru Parlamentari Malti li jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista. Magħruf bħala Ivan tal-Mosta. Qabel ma daħal fil-politika, huwa serva bħala Sindku tal-Mosta, fejn ħadem fuq diversi inizjattivi lokali u proġetti fil-komunità, l-aktar fil-proġett Mosta Solidali. Bartolo ġie elett bħala MP għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 u reġa’ ġie elett fl-2022. Fil-ħidma parlamentari tiegħu spiss iffoka fuq kwistjonijiet soċjali, inkluż il-faqar, id-drittijiet tal-persuni vulnerabbli, u l-ġustizzja soċjali. Magħruf għall-impenn tiegħu fil-komunità u għall-appoġġ tiegħu lejn inizjattivi soċjali u tal-volontarjat.

Distrett/i: 11
7748 0241
Graham Bencini

Bencini, Graham

Graham Bencini huwa accountant iċċertifikat b’reputazzjoni mibnija fuq l-integrità, il-preċiżjoni u tmexxija responsabbli, b’esperjenza estensiva fis-settur tas-servizzi finanzjarji b’enfasi partikolari fuq it-taxxa, il-ġestjoni finanzjarja u l-istrutturi korporattivi. Huwa għandu tliet lawrji mill-Università ta’ Malta, inkluż lawrja ta’ Masters, u kwalifika tal-ACCA, li jsaħħu l-bażi professjonali tiegħu. Qabel daħal fil-ħajja pubblika, kien attiv fil-futbol Malti, inkluż mal-Malta U21 u t-Tim Nazzjonali. Ġie elett fil-Parlament fl-2022 f’isem il-Partit Nazzjonalista u jservi fuq il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi. Preċedentement serva bħala Shadow Minister għall-Finanzi u aktar reċentement ġie fdat bir-rwol ta’ Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej, portafoll li jirrappreżenta kontinwità naturali tal-ħidma tiegħu fil-finanzi, fejn sistemi ta’ sigurtà soċjali jeħtieġu ppjanar finanzjarju sod u l-fondi Ewropej jeħtieġu skrutinju rigoruż u allokazzjoni strateġika. Huwa miżżewweġ lil Julienne u għandhom żewġ subien, Sebastian u Zachary, u jħobbu ħafna l-annimali, b’mod partikolari l-kelb tagħhom Colin.

Distrett/i: 9 u 10
9965 8999
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.