KANDIDATI 2026

Jerome Caruana Cilia

Caruana Cilia, Jerome

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, ġie elett fil-Parlament f’Marzu 2022. Huwa membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u tal-Kumitat Permanenti dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Affarijiet relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali. Caruana Cilia huwa professjonist b’esperjenza fis-servizzi finanzjarji. Preċedentement kien jaħdem ma’ bank internazzjonali f’Malta, filwaqt li llum huwa responsabbli mir-Risk Management fi ħdan kumpanija ewlenija tal-FinTech. Huwa għandu Masters fil-Politika u d-degree tal-Unjoni Ewropea, fejn studja l-Ekonomija Politika, u għandu wkoll Master of Business Administration li kiseb b’distinction. Barra minn hekk, għandu Ċertifikat fis-Sostenibbiltà għall-Finanzi u Ċertifikat fil-FinTech għall-Mexxejja tal-Finanzi u tan-Negozju. Caruana Cilia huwa membru tal-Malta Institute of Management, tal-Malta Association of Risk Management, u membru tal-Institute of Leadership fir-Renju Unit. Huwa wkoll lettur fil-qasam tal-management u l-finanzi, b’mod partikolari dwar regolamenti kontra l-ħasil tal-flus, is-superviżjoni u l-governanza korporattiva. Caruana Cilia ħa sehem b’mod attiv f’diversi konferenzi, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, l-aktar riċenti fil-Konferenza Interparlamentari dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni Ekonomika u l-Governanza fl-UE.

Distrett/i: 6
7926 7263
Ivan Castillo

Castillo, Ivan

Ivan huwa miżżewweġ lil Corinne u għandu Masters in Business Administration. Huwa jaħdem mal-Enemalta fil-loġistika. Ġie elett fil-Parlament fl-2022, fejn jirrappreżenta t-Tnax-il Distrett. Iservi bħala Shadow Minister għas-setturi tax-xoghol, il-marittimu u l-avjazzjoni. Kien ukoll Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja u d-Djalogu Soċjali. L-identità politika tiegħu hija mibnija fuq il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, ir-riforma ekonomika, il-kwistjonijiet tal-għoli tal-ħajja, u l-governanza tas-settur marittimu. Qabel, bejn l-2019 u l-2022, huwa serva bħala Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Lil hinn mir-rwol parlamentari tiegħu, kien ukoll attiv fil-fergħa tal-Partit Nazzjonalista ffukata fuq il-ħaddiema, fejn serva bħala President tal-Moviment Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit (SĦPN) – kariga li fiha ġie elett għall-ewwel darba fl-2016 u reġa’ ġie elett fl-2020.

Distrett/i: 8 u 12
9889 7500
Ludwig Cauchi

Cauchi, Ludwig

Ludwig Cauchi twieled fl-1975, huwa minn Ħal Lija, miżżewweġ u għandu tifel. Ludwig ġej mid-dinja tan-negozju. Beda l-esperjenza tax-xogħol fin-negozju tal-familja, kumpanija fil-qasam tal-manifattura. Din il-kumpanija twaqqfet lejn l-aħħar tas-snin sebgħin u kienet waħda mill-pijunieri fis-settur taghħa. Apparti x-xogħol tal-manifattura, kienu jimpurtaw u jissuplixxu materjal u aċċessorji relatati, lil kumpaniji lokali oħra fl-istess settur. Ludwig beda jaħdem fin-negozju tal-familja minn età żgħira u beda mill-ewwel skaluna. Gradwalment matul is-snin baqa’ tiela’ sakemm laħaq direttur tal-istess kumpanija wara li ġie nieqes missieru, wieħed mill-fundaturi ta’ din l-istess kumpanija. Hekk kif ħa f’idejh it-tmexxija tan-negozju, Ludwig kompla jispeċjalizza fuq il-prodotti li kellhom, filwaqt li oħrajn ġew sostitwiti bi prodotti ġodda u aktar innovattivi. Kompla jkabbar l-esperjenza tiegħu meta kien jiltaqa’ fuq is-siti tax-xogħol mal-klijenti, periti, enġiniera u disinjaturi involuti fil-proġetti ambizzjużi li taw lilu u t-tim tiegħu, sodisfazzjon fit-twettiq tagħhom. Ftit ta’ żmien ilu, Ludwig ħass il-bżonn li jirtira mid-dinja tax-xogħol biex ikun jista’ jgawdi iżjed lill-familja. Wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, Ludwig ħass is-sejħa biex jinvolvi ruħu fil-politika, ikun wieħed mill-kandidati ġodda għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss biex ikun jista’ jagħti sehmu lil pajjiżu u jkun parti mill-bidla li Malta tant għandha bżonn. Għal dawn l-aħħar erba’ snin, Ludwig huwa s-Segretarju Internazzjonali tal-Forum SME tal-Partit Nazzjonalista. Għal perjodu ta’ żmien, Ludwig ta l-kontribut tiegħu ukoll fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Distrett/i: 8
9977 9807
Annabelle Cilia

Cilia, Annabelle

Annabelle hija kandidata ġdida għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hija omm żagħżugħa li tgħix Ħal Qormi. Iggradwat fl-Istudji Ewropej u llum il-ġurnata taħdem fis-settur tal-iGaming. Serviet bħala President tal-Moviment Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista, wara diversi snin attiva fil-PN bħala voluntiera fl-ELCOM.

Distrett/i: 6
9990 0022
Oliver Cini

Cini, Oliver

Oliver Cini twieled fl-4 ta’ Novembru 1980, huwa minn Ħal Luqa u għandu 45 sena. Huwa miżżewweġ għalliema u għandu professjoni ta’ Marine Surveyor (Energy & Gas Systems) b’esperjenza kemm lokali kif ukoll internazzjonali fis-settur tal-enerġija, b’mod partikolari fil-gass (LNG/LPG) u fuels ta’ tranżizzjoni. Matul il-karriera tiegħu ħadem fuq operazzjonijiet marittimi u proġetti relatati mal-iżvilupp tas-settur tal-enerġija. Bħala politiku u ċittadin Malti, jemmen bis-sħiħ fil-valuri tal-familja, l-edukazzjoni u l-ġid komuni, u jħaddan politika onesta u qrib in-nies, b’viżjoni ċara lejn futur aktar sostenibbli u opportunitajiet ġodda għall-pajjiż.

Distrett/i: 5 u 6
7767 6391
Antonello Cuschieri

Cuschieri, Antonello

Antonello Cuschieri huwa avukat b’esperjenza fis-setturi legali, regolatorji u tal-gaming. Huwa għandu wkoll Masters fl-IT, li tgħaqqad l-għarfien legali ma’ bażi b’saħħitha fit-teknoloġija u l-innovazzjoni. Fil-karriera professjonali tiegħu, Antonello ħadem b’mod estensiv fis-settur tal-gaming f’Malta, partikolarment fl-oqsma tal-compliance, il-governanza u dak regolatorju, fejn kiseb esperjenza diretta tal-isfidi u l-opportunitajiet li jaffaċċjaw in-negozji u l-ħaddiema f’industrija li qed tevolvi b’ritmu mgħaġġel. Barra mill-karriera professjonali tiegħu, Antonello ilu involut fil-ħajja pubblika u komunitarja għal diversi snin. Huwa serva bħala Minority Leader fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, fejn ħadem sabiex jirrappreżenta lir-residenti u jikkontribwixxi lejn inizjattivi mmirati biex itejbu l-lokalità u l-kwalità tal-ħajja tal-komunità. Huwa wkoll missier ta’ żewġt itfal. Antonello jemmen li l-politika għandha tkun iffukata fuq in-nies, ir-responsabbiltà u soluzzjonijiet prattiċi li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li jiġi assigurat li l-ġenerazzjonijiet futuri jingħataw l-opportunitajiet li jistħoqqilhom.

Distrett/i: 1
9921 2144
Edmond Cuschieri

Cuschieri, Edmond

Edmond għandu 48 sena, miżżewweġ u missier ta’ tifel ta’ 17-il sena. Huwa avukat u serva fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għal 25 sena, fejn irtira bir-rank ta’ Supretendent. Jemmen bis-sħiħ f’ġustizzja li għandha tkun ekwa, ġusta u li ma tagħrafx uċuħ, u kien proprju dan it-twemmin li xprunah jidħol fil-politika, hekk kif ħass li l-pajjiż kien qed jitlef is-sens ta’ ġustizzja tiegħu. Fost l-interessi tiegħu hemm dak kollu li hu tradizzjonali, u jħoss li d-drawwiet u d-delizzji tradizzjonali tagħna għandhom jiġu mħarsa u mħeġġa. Barra minn hekk, jipprattika l-iscuba diving b’mod regolari u huwa membru f’diversi klabbs lokali.

Distrett/i: 8 u 11
7999 5554
Errol Cutajar

Cutajar, Errol

Iggradwa u jipprattika bħala avukat, sa mis-sena 2001. Fundatur tal-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista fis-sena 2014. Kien kandidat għall-elezzjonijiet ġenerali tal-2017 u l-2022. Kunsillier Lokali tal-PN f'Marsaskala sa mill-2019, fejn ilu residenti sa mis-sena 2002. Interessi personali apparti l-politika jinkludu l-qari, il-mużika u r-road running bħala sport. Miżżeweġ lil Natalie nee’ Zammit u għandhom żewġt itfal, Mariah u Jael.

Distrett/i: 3 u 10
9945 1988
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.