01. Settur ekonomiku ġdid b’valur għoli
L‑industrija tan‑New Space, li tinkludi l‑konnettività satellitari, id‑data tal‑osservazzjoni tad‑Dinja, is‑servizzi diġitali downstream u l‑applikazzjonijiet imħaddma mill‑ispazju, hi wieħed mis‑setturi li qed jikbru b’ritmu mgħaġġel fl‑ekonomija dinjija. Skont stima tal‑Aġenzija Spazjali Ewropea, globalment dan is‑settur qabeż l‑€400 biljun fl‑2025 u mistenni jirdoppja fi żmien 10 snin. Malta bdiet tikkopera mal‑Aġenzija Spazjali Ewropea fl‑2024, tospita l‑Jiem Industrijali tal‑ESA u tħaddem Strateġija Nazzjonali għall‑Ispazju. Il‑pedamenti jeżistu. Dak li jonqos huwa l‑ambizzjoni politika u l‑kapaċità istituzzjonali biex dawn jissarrfu f’settur ekonomiku vibranti. Gvern ġdid Nazzjonalista se jipprovdi t‑tnejn.
Gvern ġdid Nazzjonalista jbiddel lil Malta f’ċentru Ewropew ewlieni għal attività kummerċjali tan‑New Space, b’enfasi partikolari fuq is‑segment downstream: il‑konnettività satellitari, is‑servizzi tad‑data u l‑applikazzjonijiet diġitali li jirrappreżentaw madwar 80% tal‑valur ekonomiku tas‑settur.
02. Liġi dwar l‑attivitajiet spazjali
Inlestu u ndaħħlu fis‑seħħ l‑Att dwar l‑Attivitajiet Spazjali li bħalissa jinsab f’konsultazzjoni pubblika, billi jiġi diskuss u approvat mill‑Parlament fl‑ewwel mitt jum.
03. Unità apposta għall‑iżvilupp ekonomiku tan‑New Space
Fl‑ewwel mitt jum inwaqqfu unità apposta għall‑iżvilupp ekonomiku tan‑New Space fi ħdan il‑Malta Enterprise b’mandat kummerċjali ċar: li tattira negozji downstream tan‑New Space lejn Malta, operaturi tal‑konnettività satellitari, kumpaniji tad‑data tal‑osservazzjoni tad‑Dinja, u servizzi diġitali mħaddma mill‑ispazju, biex jagħżlu lil Malta bħala l‑bażi tagħhom fl‑Unjoni Ewropea.
04. Pjattaforma nazzjonali waħda għall‑konnettività
Fl‑ewwel sena noħolqu pjattaforma nazzjonali waħda għall‑konnettività satellitari u għad‑data tal‑osservazzjoni tad‑Dinja, biex l‑entitajiet pubbliċi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar l‑art, il‑baħar, l‑infrastruttura u l‑immaniġġjar tar‑riżorsi naturali.
05. Status ta’ membru assoċjat mal‑ESA
Nibnu fuq l‑istatus eżistenti ta’ Malta bħala Stat li jikkopera mal‑Aġenzija Spazjali Ewropea biex niksbu status ta’ membru assoċjat, l‑istess kisba li għamel Ċipru fl‑2026. Sħubija assoċjata tiftaħ il‑bibien għall‑kumpaniji, ir‑riċerkaturi u l‑entitajiet pubbliċi Maltin għal firxa sħiħa ta’ programmi tal‑Aġenzija Spazjali Ewopea, networks ta’ akkwisti, u kollaborazzjonijiet tar‑riċerka fl‑istess livell ma’ nazzjonijiet stabbiliti. Dan huwa l‑pass li jmiss fil‑vjaġġ spazjali ta’ Malta u aħna se nsegwuh bl‑impenn istituzzjonali meħtieġ.
06. Korsijiet ġodda fis‑setturi ekonomiċi ġodda
B’rabta mas‑setturi ekonomiċi ġodda, b’mod partikolari n‑New Space, jissawru sensiela ta’ korsijiet u taħriġ fl‑Università ta’ Malta, fl‑MCAST u mas‑settur privat f’suġġetti bħad‑data, l‑inġinerija, l‑AI, iċ‑ċibersigurtà, il‑konformità, il‑finanzjament, l‑assigurazzjoni u l‑immaniġġjar tal‑proġetti.
07. Ġenerazzjoni ta’ ġid ekonomiku u impjiegi ġodda
Dan is-settur tan-New Space jiġġenera €100 miljun fuq medda tal-ewwel 5 snin, wara 10 snin jiġġenera €200 miljun fis-sena, u jiġġenera sa €500 miljun fis-sena wara 15-il sena f’valur ekonomiku u joħloq karrieri ta’ kwalità għolja għall‑gradwati Maltin fl‑STEAM, is‑software, id‑data, il‑konformità, is‑servizzi legali u professjonali, mingħajr ma jżid il‑pressjoni fuq il‑popolazzjoni.