01. Nibnu s‑sinsla l‑ġdida tat‑trasport f’Malta b’sistema ta’ Mass Rapid Transport

It‑traffiku sar wieħed mill‑akbar piżijiet fuq il‑familji, fuq il‑ħaddiema, fuq in‑negozji u fuq il‑kwalità tal‑ħajja tagħna. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq l‑akbar qabża fil‑mobbiltà li qatt ra pajjiżna: sistema nazzjonali ta’ Mass Rapid Transport, prinċipalment taħt l‑art, li tibda bl‑ewwel fażi tagħha fuq il‑linja Tramuntana‑Nofsinhar.

Din mhijiex proposta fuq karta, kif kienu dawk li wegħdek il‑Partit Laburista għall‑elezzjonijiet tal‑2013, tal‑2017, u tal‑2022 u li qed jerġa’ jwegħedhomlok illum fl‑2026 – erba’ elezzjonijiet ta’ wegħdi biss. Il‑proposta tal‑Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg hi deċiżjoni nazzjonali biex Malta finalment ikollha sinsla moderna tat‑trasport. Sistema li tnaqqas il‑karozzi mit‑toroq għax it‑trasport tal‑massa tkun tista’ torbot fuqu. Sistema li ma tħallix lill‑familji jgħixu skont il‑konġestjoni, iżda tagħtihom lura l‑kontroll tal‑ħin tagħhom.

L‑ewwel fażi tinkludi linja ta’ madwar 11.5 kilometru, tmien stazzjonijiet u għaxar ferroviji operattivi. L‑investiment kapitali stmat għal din il‑fażi huwa ta’ madwar €1.4 biljun, bil‑mira li l‑ewwel servizz jibda jopera fl‑ewwel ħames snin ta’ Gvern ġdid.

It‑tieni fażi tinkludi linja oħra u estensjoni tal‑ewwel linja, b’investiment kapitali stmat ta’ madwar €2.5 biljun. B’kollox, iż‑żewġ linji ewlenin ikollhom spiża kapitali ta’ madwar €3.9 biljun fuq medda ta’ snin u kapaċità li taqdi madwar 55 miljun vjaġġ fis‑sena.

Il‑finanzjament ikun strutturat b’mod responsabbli biex l‑impatt fuq il‑finanzi tal‑Gvern ikun l‑inqas possibbli. Gvern ġdid Nazzjonalista jidħol mill‑ewwel f’diskussjoni ma’ Investment Banks Ewropej fi ħdan l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni Ewropeja biex juża l‑istrumenti finanzjari u tekniċi fl‑istrutturar tal‑aħjar mudell ta’ finanzjament, inkluż self fit‑tul, strumenti ta’ żvilupp kif ukoll il‑possibbiltà li jintuża l‑Bank Malti tal‑Iżvilupp jew fondi Ewropej li jmorru lil hinn mill‑fondi tradizzjonali ta’ koeżjoni.

L‑għan hu ċar: proġett nazzjonali kbir, iżda finanzjarjament meqjus. L‑ispiża li ma nagħmlu xejn tkun ferm akbar. It‑telf fil‑produttività minħabba t‑traffiku, l‑istress, il‑ħin moħli, it‑tniġġis u l‑ineffiċjenza ekonomika diġà qed jiswew lill‑pajjiż ferm aktar milli naffordjaw nibqgħu ninjoraw.

Dan hu investiment biex Malta tieħu nifs ġdid. Ċari fejn irridu naslu.

Sistema tat‑trasport li tagħtik lura ħinek

L‑għan tagħna mhuwiex biss li nnaqqsu t‑traffiku. L‑għan tagħna hu li noħolqu Malta fejn il‑ħin tan‑nies jerġa’ jkollu valur. Pajjiż fejn il‑ħaddiem jasal ix‑xogħol fil‑ħin, fejn l‑istudent ma jqattax parti kbira mill‑ġurnata jistenna jew imwaħħal fit‑triq, fejn in‑negozji ma jibqgħux iħallsu l‑prezz tal‑ineffiċjenza, u fejn il‑familji jkollhom aktar ħin għal xulxin.

Dan hu proġett ta’ mobbiltà, iżda hu wkoll proġett ekonomiku, ambjentali u soċjali. Pajjiż li jiċċaqlaq aħjar, jaħdem aħjar. Pajjiż li jnaqqas il‑ħin mitluf fit‑traffiku, jagħti aktar ħin lin‑nies biex jgħixu.

L‑ewwel pass isir fl‑ewwel 100 jum, bit‑tnedija tal‑qafas ta’ implimentazzjoni għall‑ippjanar, is‑sejħiet għall‑offerti, il‑finanzjament u l‑governanza tal‑proġett. Dan il‑proġett ma jistax jibqa’ mwaħħal f’diskussjoni bla tmiem. Jeħtieġ tmexxija li tiddeċiedi, tippjana u twettaq.

Benefiċċju ambjentali

Inqas karozzi, inqas tniġġis, aktar spazju għan‑nies. L‑impatt ambjentali għandu jiġi studjat b’mod sħiħ u skont il‑liġi. Iżda l‑prinċipju tal‑proġett hu ċar: billi parti sostanzjali tkun taħt l‑art, jitnaqqas l‑impatt viżiv, jitnaqqas l‑inkonvenjent waqt il‑kostruzzjoni u tiġi evitata pressjoni ġdida fuq it‑toroq u fuq art verġni.

L‑isfida tal‑materjal skavat trid tiġi trattata b’għaqal. B’teknoloġija moderna u ppjanar serju, dan il‑materjal jista’ potenzjalment jintuża għal riklamazzjoni tal‑art jew użi nazzjonali oħra skont il‑kwalità u t‑tip tiegħu. Fuq kollox, din is‑sistema għandha twassal għal inqas użu tal‑karozzi, inqas emissjonijiet, inqas storbju, inqas tniġġis u aktar spazju pubbliku li jista’ jingħata lura lin‑nies.

Il‑Mass Rapid Transport System għalhekk mhix biss proġett ta’ mobbiltà… hi wkoll proġett ambjentali, proġett ta’ saħħa pubblika u proġett ta’ kwalità tal‑ħajja.

Għal Għawdex

Għawdex aktar qrib, b’konnettività aħjar u integrata Din is‑sistema tkun integrata mal‑fast ferries u ma’ mezzi oħra ta’ konnettività bejn Għawdex u Malta. Il‑ħinijiet, il‑mobility hubs u s‑servizzi ta’ feeder transport ikunu jaħdmu b’sintonija biex l‑Għawdxi li jasal Malta jkun jista’ jkompli l‑vjaġġ tiegħu faċilment, u b’mod veloċi u prevedibbli.

L‑għan hu li r‑residenti Għawdxin ikollhom aċċess aktar effiċjenti għal‑lokalitajiet ewlenin f’Malta, b’inqas ħin moħli u b’aktar ċertezza tul il‑vjaġġ tagħhom.


02. L‑ewwel fażi operattiva tat‑trasport tal-massa issir f’ħames snin

Nibnu sistema moderna ta’ trasport rapidu tal‑massa bħala s‑sinsla l‑ġdida tal‑mobbiltà f’Malta u li parti sostanzjali minnha tkun taħt l‑art, u b’integrazzjoni sħiħa ma’ servizzi oħra. Inniedu l‑qafas ta’ implimentazzjoni fl‑ewwel 100 jum u nwettqu l‑ewwel fażi fuq il‑linja Tramuntana‑Nofsinhar fl‑ewwel leġiżlatura.

03. Servizz b’xejn għall‑Maltin u l‑Għawdxin

Is‑servizz ikun b’xejn għall‑Maltin u l‑Għawdxin kollha, biex l‑alternattiva għall‑karozza tkun mhux biss effiċjenti, iżda wkoll aċċessibbli għal kulħadd.

04. Innaqqsu sostanzjalment il‑ħin tat‑traġitti

L‑indikatur ewlieni tagħna hu ħinek. Vjaġġi ewlenin bħal minn Tas‑Sliema sal‑ajruport jew mill‑Imrieħel sal‑Belt isiru f’ħin prevedibbli, qasir u mingħajr dewmien fit‑traffiku.

05. Intejbu l‑produttività tal‑ekonomija

Inqas ħin mitluf fit‑traffiku jfisser aktar effiċjenza għan‑negozji, aktar ċertezza fil‑ħinijiet, inqas spejjeż moħbija u ekonomija li taħdem aħjar.

06. Noħolqu ekosistema waħda tat‑trasport

Il‑Mass Rapid Transport System taħdem flimkien ma’ feeder routes, mobility hubs, park & ride, coaches, taxis, shuttle services, it‑trasport għall‑ħaddiema u għall‑istudenti, u servizzi oħra tal‑komunitajiet.

07. Nagħtu lura spazju lin‑nies

Inqas dipendenza fuq il‑karozza tiftaħ opportunitajiet għal aktar żoni pedonali, spazji pubbliċi aħjar, toroq aktar siguri u lokalitajiet aktar komdi fejn tgħix.

08. Nagħmlu mit‑trasport proġett ambjentali

Inqas karozzi fit‑toroq ifissru inqas emissjonijiet, inqas tniġġis, arja aħjar u kwalità tal‑ħajja u saħħa aħjar għall‑familji u t‑tfal tagħna. Malta ma tiflaħx tistenna aktar! It‑traffiku qed jisraq il‑ħin tan‑nies, inaqqar il‑kwalità tal‑ħajja u jdgħajjef il‑potenzjal ekonomiku tal‑pajjiż. Aħna mhux se nkomplu nħarsu lejn il‑problema. Se nieħdu d‑deċiżjoni l‑kbira li ħaddieħor baqa’ jibża’ jieħu. Din hi proposta kbira għax il‑problema hi kbira. Imma fuq kollox hi proposta meħtieġa għax Malta jixirqilha timxi ’l quddiem, mhux tibqa’ mwaħħla fit‑traffiku. Malta għandha bżonn nifs ġdid.

09. Ħiliet ġodda għall‑mass rapid transport system

Infasslu u nwettqu programm nazzjonali ġdid ta’ edukazzjoni, taħriġ u speċjalizzazzjoni biex Malta tibda tibni l‑ħiliet li teħtieġ għal sistemi moderni ta’ ferroviji u binarji, metrò, senjalar, kmamar tal‑kontroll, komunikazzjoni, power systems, manutenzjoni u operazzjonijiet tas‑sikurezza. Jekk irridu nsawru sistema serja ta’ mass rapid transport, irridu fl‑istess ħin insawru wkoll l‑inġiniera u t‑tekniċi t’għada li se jħaddmuha, imantnuha u jmexxuha fit‑tul.

Dan il‑programm jitfassal flimkien mal‑MCAST u l‑Università ta’ Malta fejn hu rilevanti għas‑servizz u l‑operat, u ma’ operaturi u istituzzjonijiet barranin speċjalizzati fl‑inġinerija ferrovjarja u fis‑sistemi tas‑senjalar. Nintroduċu korsijiet, diplomi u speċjalizzazzjonijiet ġodda fil‑livell tekniku u terzjarju f’oqsma bħal inġinerija tas‑sistemi ferrovjarji, traction power, senjalar u kontroll, tħaddim tal‑istazzjonijiet, manutenzjoni tal‑vaguni, integrazzjoni tas‑sistemi u sikurezza waqt it‑trasport. Fl‑istess waqt, noħolqu skema ta’ apprendistati, boroż u esperjenzi fuq il‑lant tax‑xogħol ma’ networks barra minn xtutna biex iż‑żgħażagħ Maltin u Għawdxin jibdew jitħarrġu minn issa fuq it‑teknoloġiji li s’issa ma jeżistux lokalment fuq din l‑iskala.

10. Nistabbilixxu akkademja għall‑ħiliet ferrovjarji u tal‑mobbiltà

Il‑Gvern jistabbilixxi Akkademja għall‑Ħiliet Ferrovjarji u tal‑Mobbiltà fi ħdan l‑istruttura edukattiva attwali biex jiġbor flimkien it‑taħriġ tekniku, is‑simulazzjonijiet, l‑iżvilupp professjonali kontinwu u t‑taħriġ mill‑ġdid lill‑ħaddiema li jkunu jridu jidħlu f’dan is‑settur ġdid. Parti minn dan il‑programm tkun immirata għall‑electricians, it‑technicians, l‑ispeċjalisti fl‑ICT, il‑project managers u l‑esperti fis‑sikurezz biex jinħolqu perkorsi tal‑karrieri ġodda marbuta mal‑ekonomija tal‑mobbiltà moderna.

Dawn il‑proposti jiżguraw li l‑investiment fil‑mass rapid transport system ma jkunx biss investiment fil‑konkos u fil‑mini, iżda investiment fil‑bniedem. Joħolqu niċċa ġdida ta’ impjiegi ta’ kwalità, b’ħiliet avvanzati u pagi aħjar, u joffru triq ġdida liż‑żgħażagħ għal karriera f’settur modern u strateġiku għall‑pajjiż. Fl‑istess ħin, inaqqsu d‑dipendenza totali fuq kompetenza barranija fit‑tħaddim u l‑manutenzjoni tas‑sistema, u jibnu kapaċità fit‑tul biex Malta tkun tista’ tmexxi, tkabbar u taġġorna l‑infrastruttura tagħha b’aktar awtonomija u serjetà.

11. Invaraw one‑point‑of‑use multi‑modal App

Inniedu App multimodali li tiġbor fiha kull sistema tat‑trasport f’Malta, kemm pubblika kif ukoll privata, u li minnha tista’ tippjana il‑vjaġġ tiegħek kif ukoll tħallas minn punt wieħed fejn dan japplika. Din tkun tinkludi s‑servizz tal‑linja, is‑sistema l‑ġdida tat‑trasport tal‑massa, il‑Gozo Channel, il‑fast ferries, il‑feeder services, kif ukoll operaturi privati żgħar u kbar. Din l‑App tkun tisimplifika l‑użu tad‑diversi mezzi tat‑trasport f’pajjiżna, ittejjeb l‑integrazzjoni bejn servizzi differenti, u tiftaħ suq akbar għall‑operaturi żgħar.

Mobbiltà, Infrastruttura u Ppjanar

Soluzzjoni

Key Proposals for You

Key Proposals for Businesses

PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.