Il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista huwa kuntratt ta’ Nifs Ġdid għal Malta u Għawdex
Il-Kap tal-PN Alex Borg fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju: “Dan hu programm għall-ħajja tagħkom, il-familji tagħkom u l-futur ta’ wliedkom”; il-PN jippreżenta programm elettorali mibni fuq 16-il pilastru b’1,000 proposta li se jagħtu Nifs Ġdid lin-Nazzjon
Il-Kap tal-PN Alex Borg fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju: “Dan hu programm għall-ħajja tagħkom, il-familji tagħkom u l-futur ta’ wliedkom”; il-PN jippreżenta programm elettorali mibni fuq 16-il pilastru b’1,000 proposta li se jagħtu Nifs Ġdid lin-Nazzjon
Din hi kampanja elettorali b’tir wieħed – dak li nagħtu Nifs Ġdid lil dan in-nazzjon. Il-programm elettorali li qed nippreżentaw illejla mhuwiex biss dokument politiku, mhuwiex sempliċi programm għal elezzjoni imma huwa programm li bih il-Partit Nazzjonalista jrid jaħseb għall-futur tan-nies u għal Nifs Ġdid għall-pajjiż kollu.
Waqt il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-lejla li matulu l-kunsillieri tal-PN approvaw il-programm elettorali għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju, Alex Borg spjega kif il-programm elettorali li qed jippreżenta l-PN jiġbor fih 1,000 proposta li ġew min-nies u jindirizzaw lin-nies. Programm mibni minn tim sħiħ ta’ nies – kandidati, esperti, professjoniisti u nies minn kull qasam tal-ħajja, imsejjes fuq 16-il pilastru importanti:
- Ekonomija
- Is-Settur Privat
- Tnaqqis fit-taxxi
- Saħħa u Sport
- Edukazzjoni u Ħiliet
- Politika Soċjali
- Żgħażagħ
- Mobbiltà, Infrastruttura u Ppjanar
- Enerġija u Ilma
- Għawdex
- Turiżmu
- Kultura u Arti
- Ambjent
- Agrikolutura u Sajd
- Governanza
- Malta fid-Dinja
“Dan il-programm elettorali hu kuntratt li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel mal-poplu. Programm li ħaseb għal kulħadd, u aħna determinati li nwettquh. B’dan il-programm irridu nsaħħu u nħarsu dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin – dik li hi l-identità tagħna,” qal Alex Borg.
Il-Kap tal-PN kompla li għad għandna ħafna ħaddiema li jaħdmu kemm jaħdmu ma jistgħux ilaħħqu u jimxu ’l quddiem. Bil-proposti tiegħu, il-PN irid li jagħti spinta lil dawk li qed iħossuhom ma jistgħux jipprogressaw: b’roħs fit-taxxi, fil-kontijiet tad-dawl, bit-tneħħija għalkollox tat-taxxa tas-suċċessjoni. Dan kollu, qal il-Kap tal-PN, ma hu xejn għajr ġustizzja soċjali.
“Aħna rriduk timxi ’l quddiem. Li jekk inti bieżel tkun ippremjat”.
Hu tkellem ukoll dwar l-investiment qawwi li jrid jagħmel Gvern ġdid Nazzjonalista – kemm fil-kura, fosthom bl-għotja tal-mediċini tal-kanċer b’xejn, u bil-bini ta’ sptarijiet ġodda kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali, imma wkoll b’investiment qawwi fil-prevenzjoni.
Saħaq li apparti l-investiment fis-saħħa, Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti kif jixraq fl-edukazzjoni u fl-istudenti, b’żieda ta’ 25% fl-istipendji u b’tisħiħ tal-iskejjel u investiment fl-edukaturi.
Għawdex u l-Għawdxin ma jibqgħux after-thought imma jsiru prijorità u Gvern Nazzjonalista se jara li ma jibqgħux trattati daqslikieku huma tat-tieni klassi.

Iż-żgħażagħ ikollhom opportunità jsiru sidien ta’ darhom b’għajnuniet b’saħħithom li se jagħti Gvern Nazzjonalista kemm għad-depożitu kif ukoll għall-ewwel 10 snin tal-loan. “Aħna liż-żgħażagħ m’aħniex se nħalluhom waħedhom”.
Gvern Nazzjonalista mhux se jħalli lil kulħadd imwaħħal fit-traffiku. “Aħna nibdew inwettqu l-proġett ta’ trasport tal-massa mill-ewwel u f’ħames snin inlestu l-ewwel u l-akbar linja ta’ dan il-proġett”.
L-anzjani jkunu jistgħu jużaw is-servizzi tat-tabib tagħhom b’xejn f’darhom u se jgawdu minn żieda ta’ €650 fis-sena biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern Nazzjonalista se jkun il-gvern tan-Nazzjon kollu.
“Is-siegħa tal-Maltin waslet. Wasal iż-żmien fejn kulħadd iqum u jgħid Dan hu l-Mument Tiegħi. Dan hu l-mument ta’ ġenerazzjoni ġdida. Dan hu l-Mument biex nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna”.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, li fetaħ il-Kunsill Ġenerali, ressaq il-programm elettorali għall-approvazzjoni tal-kunsillieri f’mument importanti għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż.
Fid-diskors tiegħu hu qal li l-Partit Nazzjonalista għandu asirazzjonijiet kbar għal Malta u Għawdex u għall-poplu kollu u dan il-ħolm irid jagħmlu realtà jekk fit-30 ta’ Mejju l-poplu jagħtuh il-fiduċja biex imexxi l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin. Huwa sostna li dan il-programm jirrifletti l-viżjoni ta’ partit li qed iħares ’il quddiem u li qed jippreżenta ruħu bħala l-alternattiva serja biex imexxi lil Malta u Għawdex.
Mark Anthony Sammut qal li l-approvazzjoni tal-programm elettorali hija pass ieħor fit-triq lejn bidla li tista’ tagħti tama ġdida lill-poplu. Dan meta l-Partit Laburista ma fadallu xejn aktar x’jipproponi. Ma fadallu xejn ġdid u xejn innovattiv u dan rajnieh fil-kampanja ta’ attakki u negattività li mexxa l-Labour. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab mhux biss lest imma wkoll determinat li mit-30 ta’ Mejju li ġej jibda jmexxi lil pajjiżna f’direzzjoni ġdida li tagħti Nifs Ġdid lill-Maltin u l-Għawdxin.

Waqt il-Kunsill Ġenerali, George Vital Zammit, li kien il-koordinatur tal-Programm Elettorali Nifs Ġdid qal li dan hu pjan ta’ bidla, pjan ta’ direzzjoni u pjan ta’ twettiq. Huwa spjega li dan il-programm ma twelidx f’kamra magħluqa, iżda minn proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-familji, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-anzjani, is-self-employed, l-SMEs, il-professjonisti, l-esperti, l-għaqdiet u l-komunitajiet. Minn dawn il-konsultazzjonijiet twieldu l-proposti li ġew magħġuna propju minn dawk stess li se jintalqtu minnhom u mill-esperti.
George Vital Zammit qal li l-Partit Nazzjonalista sema’ lin-nies u għalhekk qed jippreżenta programm li jwieġeb għall-ħtiġijiet reali tagħhom: ekonomija li tippremja x-xogħol, tnaqqis fil-burokrazija, aktar ħin għall-familji, futur għaż-żgħażagħ, edukazzjoni moderna, sistema ta’ trasport li tagħti lura l-ħin lin-nies, investiment fis-saħħa, kura aħjar għall-anzjani, ambjent li jagħti nifs u governanza mibnija fuq is-serjetà, il-kontabbiltà u t-twettiq.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li l-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju mhijiex biss għażla bejn partiti politiċi, iżda għażla serja dwar x’tip ta’ Malta rridu nibnu flimkien fil-ħames snin li ġejjin. Huwa qal li l-programm elettorali li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista huwa d-dokument li jgħin lil kull Malti u Għawdxi jagħmel għażla infurmata dwar id-direzzjoni li jrid jagħti lil pajjiżu. Hu indirizza lil dawk li fl-imgħoddi vvutaw lill-Partit Laburista u llum qed jaqgħtu qalbhom minnu u sostna li l-bieb tal-Partit Nazzjonalista hu miftuħ għal kulħadd.
Charles Bonello rringrazzja lil George Vital Zammit u lil dawk kollha li ħadmu biex jitfasslu proposti studjati li jindirizzaw il-bżonnijiet tan-nies biex ikollhom għajxien aħjar. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN sostna li l-Partit Nazzjonalista qed joffri soluzzjonijiet għall-kaos li ħoloq il-Gvern Laburista, b’miżuri li jtaffu l-piżijiet fuq il-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-negozji ż-żgħar, Għawdex, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ekonomija, l-għaqdiet volontarji u l-komunitajiet, kif ukoll li jħarsu l-annimali. Huwa qal li dan huwa mument ta’ tama għal pajjiżna u xejn u ħadd mhu se jaqta’ qalb il-Partit Nazzjonalista. Hu appella biex min jemmen fil-PN jgħin iwassal il-messaġġ għand dawk li għadhom indeċiżi. Flimkien irridu nibqgħu nikkonvinċu sal-aħħar siegħa. Dan hu l-mument biex Malta tibdel id-direzzjoni taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg Prim MInistru.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li elezzjoni mhix mument ta’ partit, iżda mument ta’ pajjiż. Nifs Ġdid mhuwiex slogan, imma huwa messaġġ ta’ tama. It-tama imma, trid tfassalha u trid twassalha bid-determinazzjoni ta’ fejn nistgħu inwasslu lil Malta u Għawdex bis-serjetà u l-integrità. Huwa sostna li kull vot, jew kull għażla li ssir, se jkollha konsegwenzi fuq Malta kollha mill-1 ta’ Ġunju ’l quddiem. Għalhekk il-poplu għandu quddiemu għażla serja bejn kontinwità ta’ dak li qed jgħabbi lill-pajjiż u bidla li tagħti direzzjoni ġdida.
Alex Perici Calascione qal li l-programm elettorali Nifs Ġdid hu pjan ċar għal pajjiżna li tfassal minn tant nies, familji, esperti u nies minn oqsma differenti li l-Partit Nazzjonalista ltaqa’ magħhom. Huwa qal li kull proposta fil-programm elettorali hija pjan, kull pjan huwa impenn, u kull impenn huwa kuntratt ta’ Alex Borg u tal-Partit Nazzjonalista kollu mal-poplu Malti u Għawdxi. Sostna li l-Partit Nazzjonalista ma jwegħidx il-perfezzjoni, iżda joffri determinazzjoni, serjetà, kompetenza u integrità biex pajjiżna jerġa’ jsib ambizzjoni mġedda.
Alex Perici Calascione temm b’dan il-messaġġ: “Dan mhux biss vot imma battalja għar-ruħ ta’ pajjiżna. Ejjew flimkien niktbu paġna ġdida għal pajjiżna”.
18.05.2026
Agħfas hawn biex tara l-proposti tal-PN għal Nifs Ġdid


